Ir-Rapport Finanzjarju ta’ Floriana FC kien approvat b’mod kważi unanimu…vot qawwi ta’ fiduċja u appoġġ fil-Kumitat

Ir-Rapport Finanzjarju ta’ Floriana FC kien approvat b’mod kważi unanimu…vot qawwi ta’ fiduċja u appoġġ fil-Kumitat

– Jikkonferma dan l-Integrity Officer tal-MFA

Nagħmel riferenza għar-rapport ippubblikat fis-sit TVM fl-14 ta’ April 2019 dwar Floriana FC u dak li seħħ fl-aħħar Laqgħa Ġenerali Stroardinarja tal-11 ta’ April 2019.  Ninformak li dan hu rapport ibbażat fuq numru ta’ skorrettezzi kbar u miżinformazzjoni u li bil-liġi tal-istampa Floriana FC jesiġu li jkunu kkoreġuti.

Floriana FC huma diżappuntati li l-ġurnalist  li kiteb ir-rapport, ma kkomunikax ma’ xi uffiċjal tal-klabb dwar din l-istorja qabel il-pubblikazzjoni u ppubblikaha mingħajr ma vverifika l-fatti. Dan hu nuqqas bażiku li ma jixraq lill-ebda ġurnalist, aktar u aktar jekk dan ikun tal-istazzjon nazzjonali.

Il-fatti huma li l-Laqgħa Ġenerali ta’ Floriana FC, li għaliha kien hemm sala mimlija membri, approvat ir-rapport finanzjarju għas-sena 2018 b’vot wieħed biss kontra u  erba’ astenzjonijiet. Dan juri li r-rapport finanzjarju kiseb l-approvazzjoni kważi unanima tal-membri. Ir-rapport finanzjarju kien approvat wara diskussjoni li fiha kulħadd staqsa li xtaq u fejn jien bħala Segretarju tal-klabb – għal diversi drabi – tlabt lil kulħadd biex bil-kalma kollha jistaqsi kull mistoqsjia li jixtieq; kif isir is-soltu.

Għalhekk mhux minnu li Floriana FC għandhom xi problemi għall-istaġun li ġej, anzi l-membri kollha fehmu t-titjib kbir li għamel il-klabb biex illum ħareġ mill-problemi finanzjarji kbar li tħalla fihom.

Dan hu konfermat mhux biss mill-kumitat ta’ Floriana FC iżda wkoll mill-Integrity Officer tal-MFA is-Sur Franz Tabone li attenda għal-laqgħa bħala rappreżentant tal-MFA. Kulħadd hu liberu li jokkomunika mas-Sur Tabone biex jikkonferma l-fatti.

Hu minnu li l-Laqgħa Ġenerali kienet karatterizzata minn tensjoni u inċidenti maħluqa min-numru żgħir ta’ membri li għamlu l-punti tagħhom b’mod storbjuż. Dan ġab reazzjoni minn diversi membri oħra, fosthom tal-kumitat, li huma konxji tal-mod kif issa l-klabb solva ħafna mill-problemi li ddaħħal fihom tul is-snin.

Il-kumitat ta’ Floriana FC ma kellu l-ebda intenzjoni li joħloq atmosfera negattiva u tul il-laqgħa saru t-tentattivi kollha biex il-laqgħa titmexxa bil-kalma u bl-ordni. Kif jafu l-membri, għal snin twal, il-laqgħat kollha ta’ Floriana FC dejjem tmexxew b’mod korrett. Kien f’din il-laqgħa li numru żgħir ta’ membri ħadu atteġġjament differenti b’interruzzjonijiet kontinwi.

Mhux minnu wkoll li l-mozzjoni ta’ Nigel Holland biex issir investigazzjoni fuq l-aħħar 10 snin tal-klabb sabet oppożizzjoni mill-Kumitat. Anzi din il-mozzjoni ssemmiet fil-bidu tal-Laqgħa mis-Segretarju u l-intenzjoni kienet li ssir diskussjoni dwarha. Għal diversi drabi appellajt biex il-Laqgħa tibda d-diskussjoni dwar din il-mozzjoni iżda l-interruzzjonijiet kontinwi ta’ ftit membri ma ħallewx il-laqgħa tiffunzjona kif suppost. Il-kumitat mill-ewwel espriema pożizzjoni li m’għandu l-ebda diffikultà li ssir diskussjoni dwar il-mozzjoni.  Tant m’hemm l-ebda diffikultà li ssir diskussjoni dwar din il-mozzjoni, li l-kumitat bl-approvazzjoni tal-membri ressaq il-mozzjoni biex tinqara. Ma kienx tort tal-kumitat li ma saritx id-diskussjoni dwar il-mozzjoni iżda tort ta’ min ħoloq ambjent negattiv u minħabba li kien sar il-ħin; madwar l-10 pm. Il-kumitat irid li kull mozzjoni tkun diskussa b’mod kalm u skont it-regoli u mhux b’tensjoni.

 

Tant Floriana FC m’għandhom l-ebda diffikultà dwar l-operat finanzjarju jew xi operat ieħor li jien bħala Segretarju Ġenerali dejjem nitlob li għal dawn il-laqgħat jattendi l-Integrity Officer tal-MFA Franz Tabone.

Tul il-laqgħa, kif sar dejjem fil-laqgħat ġenerali tal-klabb, il-membri jingħataw l-opportunità li jistaqsu l-mistoqsijiet li jixtiequ. Dwar l-aspett finanzjarju, għal dawn il-laqgħat Floriana FC mhux biss ikollhom preżenti lit-Teżorier iżda wkoll lill-awdituri tal-klabb li huma wkoll iwieġbu l-mistoqsijiet tal-membri. Hekk sar f’din il-laqgħa.

Hu minnu li f’din il-laqgħa kellhom jiġu l-pulizija biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni iżda għal dan żgur li ma jaħtix il-kumitat li l-pjan tiegħu kien li kif sar dejjem il-laqgħat ġenerali jitmexxew kif suppost. Dan jista’ jikkonfermah ukoll ir-rappreżentanti tal-MFA li jattendu għal-laqgħat.

Dwar il-fatt li Floriana FC waqqfu l-applikazzjoni għal-liċenzja UEFA, il-fatti huma li dan seħħ minħabba li hu impossibbli li dan l-istaġun Floriana FC jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet Ewropej minħabba li nqalgħu mill-FA Trofew u m’humiex fost l-ewwel grupp ta’ timijiet fil-klassifika. Dan mhux marbut mar-rapport finanzjarju.

Floriana FC huma diżappuntati li xi membri ddeġeneraw il-Laqgħa Ġenerali dwar il-finanzi għaliex fiha l-kumitat kien ppreparat biex jiżvela fatti importanti li huma ta’ interess għall-membri. Żgur ma kinitx l-intenzjoni tal-kumitat li l-laqgħa tiddeġenra.

Floriana FC huma determinati li jkomplu jmexxi l-klabb fid-direzzjoni t-tajba li qabad fl-aħħar snin, li minn klabb b’diffikultajiet kbar illum hu wieħed mill-klabb b’sitwazzjoni finanzjarja sostenibbli.

 

Dione Borg

Segretarju Ġenerali Floriana FC

 

 

 

 

 

Share Now
Alan Michael Vella

Experienced ICT Officer with a demonstrated history of working in the information technology and services industry. Skilled in Administration, IT Service Management, , with a strong support background...

All Posts

Related Post

Leave us a reply